|
|
Minn mindu kont żgħir minn dejjem kont dilettant tal-presepji u aktar ma bdejt nikber aktar bdejt nitħajjar nibda narma il-presepju fid-dar tiegħi.
Ta’ 9 snin ippruvajt nagħmel l-ewwel presepju meta kont nattendi l-MUSEUM, u minn hemm bqajt nagħmlu kull sena u kull darba nipprova nagħmel wieħed aħjar minn ieħor. Meta kelli 15-il sena għamilt l-ewwel presepju kbir fid-daqs fejn dawk li kont nagħmel qabel u tħajjart ukoll nagħmel xi ftit mekkanieżmu fiħ. Minkejja li kien xi ftit diffiċli irnexxieli nagħmel mitħna ddur u l-Madonna u San Ġużepp jiċċaqalqu u l-ilma nieżel.
Fis-snin ta’ wara komplejt inżid xi rgħajja l’hawn u l’hinn u dħalt membru fl-Għaqda Ħbieb tal-Presepji biex b’hekk stajt nitgħallem aktar. Meta kelli 19-il sena (1992) kabbart id-daqs u daħħal il-presepju għall-ewwel darba f’kompetizzjoni li ġiet imtella mill-Kumissjoni Żagħżagħ Ġużeppini - Rabat fejn ħadt l-Ewwel Post. Is-sena ta’ wara (1993) l-istess għaqda reġet organizzat din il-kompetizzjoni u għat-tieni darba kont ħadt l-ewwel premju.
Fl-1995 is-sinjorina Catherine Azzopardi, offrietli post fejn stajt nagħmel presepju kbir u stajt ukoll nesebixxieħ għal wiri. B’hekk il-presepju illum għandu daqs ta’ bejn wieħed u ieħor 125inch x 69inch. Ma kienitx ħaġa faċli li minn presepju żgħir immur għal-dan id-daqs kbir. Daħħalt ukoll il-presepju tiegħi fil-Kompetizzjoni mtella mill-Kummissjoni Festi Nazzjonali - Kategorija Presepji Mekanizzati. Fl-1996 tellgħajt it-tieni wirja tiegħi f’dan il-post u ppruvajt nuri aktar it-talent u nirranġa xi affarijiet li ma kienux daqshekk naturali. Fl-1997 u 1998 b’dispjeċir ngħid li ma tellgħajtx din il-wirja minħabba raġunijiet personali.
Fl-1999 bdilt il-makkinarju kollu kif ukoll l-istil tal-Presepju u b’sodisfazzjon ngħid li irnexxieli nikseb it-Tieni post fil-Kompetizzjoni mtella mill-Festi Nazzjonali u fl-2000 ħadt l-Ewwel Post filwaqt li fis-snin 2001 u 2002 hadt id-darbtejn it-tieni post.
Din hija is-seba' sena li jien qed intella din il-Wirja ta’ Presepju Mekkaniżżat u xogħol fuq dan il-presepju huwa kollu magħmul minn ġablo u ġibs, u l-pasturi tat-tafal li ħafna minnhom ħdimthom jien stess. Ta’ min isemmi li kull sena hekk kif jgħaddu l-festi tal-Milled jien inkisser kompletament il-presepju u s-sena ta’ wara nerġa nibnieħ mill-ġdid. Dan jeħodli 4 xhur u jirrekjedi ħsieb u ħafna paċenzja. L-isfumar tal-kuluri flimkien mal-movimenti li hemm mifruxin f’dan il-presepju jagħti dehra aktar realistika u jdaħħlek aktar fl-ispirtu ta’ dawn iż-żminijiet.
Illum nista ngħid li bil-volonta u t-talenti tiegħi il-presepji tiegħi m għadomx żgħar u d-dar fejn ma jista’ jarhom ħadd ħlief tal-familja. B’differenza minn dak iż-żmien illum il-ġurnata jistgħa jiġi apprezzat u jitgawda minn ħafna nies li minn sena għal oħra jiġu jaraw dan il-presepju.
Dan il-presepju qed jiġi esibit minni ġo 137, Triq il-Kulleġġ, Rabat Malta (ħdejn l-iskola primarja A) mit-13 ta’ Diċembru sas-6 ta’ Jannar fil-ħinijiet imsemmijin fit-tabella hawn taħt.
Fl-aħħar nett inrodd ħajr lil dawk kollha li tawni l-għajnuna tagħhom biex din il-wirja tkun tista ssir, l-iSponsors u lill-Kunsill Lokali Rabat http://localcouncil.rabatmalta.com li bl-għajnuna finanzjarja tagħhom inkun nista noħroġ il-fuljetti. Ringrazzjament speċjali jmur għas-sinjuri John u Carmel Azzopardi u lis-Sinjorina Catherine Azzopardi li ta’ kull sena tislifni I-post.
Nispera li narakom !!
Christopher Calleja
Din il-paġna ġiet ġentilment imtella minn E-volve Internet Solutions http://evolve.rabatmalta.com għal kull tip ta’ soluzzjoni għan-negozju jew użu personali tiegħek.
|
|